L-iskandli qed jitfgħu dell ikrah fuq pajjiżna
Il-Prim
Ministru għandu jpoġġi l-interessi nazzjonali qabel l-interessi
personali, u għalhekk, biex insalvaw ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna,
l-Prim Ministru għandu jwarrab. Din mhix ġlieda bejn
in-Nazzjonalisti u l-Laburisti, iżda hi ġlieda bejn x’inhu tajjeb
u x’inhu ħażin, bejn is-sewwa u l-ħażin.
Dan
qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament
u Shadow Minister tal-Finanzi Mario de Marco waqt konferenza
tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister
tal-Ekonomija Claudio Grech u l-Kelliema għas-Servizzi Finanzjarji,
l-IT u l-Gaming Kristy Debono.

Claudio Grech, Mario de Marco u Kristy Debono waqt il-konferenza tal-aħbarijiet |
|
Mario
de Marco qal li l-inkwiet qiegħed dejjem jikber meta wieħed jara
l-iskandli li issa laħqu l-ogħla livelli tal-Gvern - il-Prim
Ministru, ċ-Chief of Staff u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru -
rrappurtati fil-media internazzjonali. “Dan kollu jpoġġi riskju
għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Aħna, bħala poplu, kburin b’dak
li rnexxielu jikseb pajjinża, mhux biss bis-saħħa tal-politiċi,
iżda b’mod partikolari bis-saħħa tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin
li taw l-impenn tagħhom biex juru li Malta hi pajjiż serju u
kredibbli fejn wieħed jista’ jinvesti,” qal Mario de Marco.
Il-Viċi
Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-iskandli qed jitfgħu dell
ikrah fuq pajjiżna, b’mod partikolari għar-reputazzjoni. Hawnhekk
qed nitkellmu dwar fatti, sostna Mario de Marco, fost l-oħrajn li:
- is-sena l-oħra ġie żvelat li neftħu tliet kumpaniji sigrieti fil-Panama li tnejn minnhom kienu taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u tal-Ministru Konrad Mizzi;
- t-tielet kumpanija kellha l-identità tas-sid tagħha tant importanti li l-isem kellu jingħadda bi Skype;
- l-Prim Ministru ma ħax passi kontra ċ-Chief of Staff u l-Ministru tiegħu;
- l-awtoritajiet ma nvestigawx dawn l-affarijiet meta kellhom id-dmir li jinvestigaw;
- u li l-Pulizija ma nvestigatx minkejja r-rapport tal-FIAU li talbet lill-Pulizija biex jinvestigaw.
Fost
l-oħrajn, hu rrefera għall-appella li saru mill-eks Gvernatur
tal-Bank Ċentrali Francis Vassallo u l-President tal-Malta Institute
of Accountants Franco Azzopardi, kif ukoll għall-editorjal ta’ The
Times of Malta tal-lum, li qal li l-pożizzjoni tal-Prim Ministru
m’għadiex aktar tenibbli għaliex elezzjoni ġenerali ma tistax
issolvi l-problema, li hi nuqqas ta’ fiduċja f’istituzzjonijiet
li jagħmlu xogħlhom.
Claudio
Grech enfażizza l-importanza tas-settur tas-servizzi finanzjarji u
dawk relatati miegħu għall-ekonomija tagħna. Hu spjega kif
minbarra l-eluf ta’ impjiegi li jiddependu direttament minn dan
is-settur, għandna setturi oħrajn tal-ekonomija, bħas-suq
tal-proprjetà, is-settur tar-retail, it-turiżmu u r-ristoranti, li
għandhom dipendenza materjali fuq it-tkabbir u s-sostenibbiltà ta’
dan is-settur.
“L-ekonomija
ta’ pajjiżna kompliet tikber għaliex fil-15-il sena ta’ qabel,
dan is-settur inżera mix-xejn u issa kien qiegħed irodd il-frott
lill-ekonomija tagħna. Ir-rilevanza ta’ dan is-settur trid titqies
fl-isfond tal-fatt li dan is-settur jirrapreżenta 98%
tal-investiment barrani f’pajjiżna u mingħajru, x-xenarju
finanzjarju u ekonomiku ta’ pajjiżna lanqas biss jibqa’
jintagħraf” sostna Claudio Grech.
Claudio
Grech kompla li għalhekk ma nistgħu qatt nagħmlu xejn li
jipperikola settur daqstant vitali għall-futur ta’ pajjiżna u
l-Gvern għandu obbligu ewlieni lejn il-poplu li ma jħallix din
is-sitwazzzjoni tiddeterjora aktar milli diġà hi. “Is-servizzi
finanzjarji għandhom bżonn jiksbu lura l-istabbilità li dejjem
gawdew minnha minn mindu nbeda dan is-settur” temm jgħid Claudio
Grech.
Minn
naħa tagħha, Kristy Debono qalet li f’dan is-settur, hemm ħafna
li jinsab f’riskju, fost l-oħrajn il-ħaddiema kif ukoll
ir-reputazzjoni. “Minkejja li dan is-settur dejjem inżamm ‘il
bogħod mill-kontroversja politika, wara li faqqa’ l-iskandlu
tal-Panama Papers, bdew l-ewwel xokkijiet li ma kienux neċessarji
f’dan is-settur,” qalet Kristy Debono, li sostniet li fost
l-isfidi ġodda li bdew jiffaċċjaw nies f’dan is-settur, hemm li
jsibu diffikultà biex jiftħu kontijiet f’pajjiżi oħra, fost
l-oħrajn fl-Istati Uniti.
Hi
rreferiet għall-istqarrijiet li ħarġu din il-ġimgħa dwar
il-kriżi nazzjonali li teżisti f’pajjiżna, fosthom il-Kamra
tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, l-Assoċjazzjoni ta’
Min Iħaddem, il-UHM-Voice of the Workers, l-Institute of Financial
Services Practitioners kif ukoll il-Malta Union of Bank Employees.
“Tinduna kemm pajjiżna jinsab fi kriżi meta entità wara l-oħra
tibda tesprimi t-tħassib tagħha dwar dak li jkun qed iseħħ,”
qalet Kristy Debono.
Stqarrija mill-Uffiċċju Informazzjoni, Partit Nazzjonalista.
Stqarrija mill-Uffiċċju Informazzjoni, Partit Nazzjonalista.
Comments
Post a Comment